Fil-Palazz ta’ Sant’Anton ittellgħet għal sena oħra attività organizzata mis-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, biex jitfakkar il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Matul l-attività ġie ppreżentat lill-President ukoll il-Kalendarju tal-Attivitajiet tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, li jinkludi inizjattivi biex jitqajjem aktar għarfien u tissaħħaħ il-prevenzjoni tas-suwiċidju tul is-sena kollha.
L-attività enfasizzat il-progress fl-implimentazzjoni tal-ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju għas-snin 2026–2031, imnedija f’Marzu li l-prijoritajiet tagħha jinkludu taħriġ għall-professjonisti, għarfien pubbliku, ambjent aktar sikur u kura kontinwa wara sfidi jew ħruġ mill-isptar, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-servizzi u l-komunitajiet.
Fid-diskors tagħha, il-President tkellmet fuq l-importanza ta’ promozzjoni ta’ saħħa mentali aktar sana u b'mod ħolistika, li tkompli tiġġieled l-istigma, is-skiet, il-mistħija, il-preġudizzju u l-biża’ mill-ġudizzju ta’ ħaddieħor li taf ixxekkel lill-persuna milli tersaq biex tgħin ruħha permezz tas-servizzi offruti.
F’dan l-isfond, l-Eċċellenza Tagħha rrikonoxxiet il-ħidma tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u l-professjonisti tiegħu, u ħeġġet rispons qawwi u magħqud minn entitajiet governattivi u non-governattivi sabiex din il-promozzjoni tassew tkun effettiva u tgħin lil dawk bżonn l-għajnuna.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg semma l-isforzi kontinwi biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali, fosthom l-iżvilupp taċ-Ċentru tal-Psikjatrija għall-Kura Akuta fl-Isptar Mater Dei u r-rinnovazzjoni ta’ aktar swali fl-Isptar Monte Karmeli. Huwa rabat dan l-investiment mal-ħtieġa li persuni fi kriżi jkollhom aċċess għall-kura u li l-professjonisti jingħataw l-appoġġ meħtieġ.
“Fl-ewwel xhur tiegħi f’din il-kariga stajt napprezza ferm id-dedikazzjoni tal-professjonisti tagħna. Il-prevenzjoni tas-suwiċidju titlob li nkomplu nsostnuhom u niżguraw li min jeħtieġ l-għajnuna jsibha fil-ħin. Dan jinkludi proġetti u bidliet li jsaħħu s-servizzi u jġeddu l-mod kif inħarsu lejn il-kura tas-saħħa mentali,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, Roseanne Camilleri, spjegat li l-kalendarju tagħhom jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet mifruxa fuq diversi ġranet u f’postijiet differenti sabiex jintlaħqu kemm jista’ jkun persuni. “L-impenn tagħna huwa li nqarrbu s-servizzi lejn in-nies u naħdmu mal-komunità biex min ikun qed ibati jsib l-appoġġ meħtieġ filwaqt li nqajmu aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali.”
Iċ-Chairperson Kliniku, il-Professur Anton Grech, wassal messaġġ ta’ tama u enfasizza li l-mard mentali jista’ jiġi ttrattat. Huwa ħeġġeġ lil kull min ikun qed ibati biex jagħmel kuraġġ u jfittex l-għajnuna. “Is-smigħ b’attenzjoni u l-għajnuna professjonali huma essenzjali biex il-persuna ssib l-appoġġ meħtieġ tul il-mixja tagħha.”
L-attività fakkret ukoll fil-ħtieġa li nitkellmu u naġixxu b’sensittività. It-tbatija mhux dejjem tidher, u għalhekk għandhom jinħolqu spazji fejn persuna tista’ titkellem dwar il-ħsibijiet u l-isfidi li tgħaddi minnhom mingħajr biża’ li tiġi ġġudikata.
Min jeħtieġ l-għajnuna jista’ jċempel bla ħlas fuq 1579, fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew tal-lejl, u jingħata l-appoġġ minn professjonisti tas-saħħa mentali.